Skip to main content

Politika tal-Privatezza ta' X

Effettiva: 29 ta' Settembru, 2023

Qabel ma tiskrollja, aqra dan

Huwa tassew diffiċli li tissodisfa lil kulħadd b'Politika tal-Privatezza. Il-maġġoranza tan-nies li jużaw X iridu xi ħaġa qasira u faċli biex tinftiehem. Filwaqt li nixtiequ li nkunu nistgħu ndaħħlu dak kollu li għandek bżonn tkun taf f'post, ir-regolaturi tagħna jitolbuna nissodisfaw l-obbligi legali tagħna billi niddeskrivuhom kollha f'ħafna dettall.

B'dan il-ħsieb, ktibna l-Politika tal-Privatezza tagħna bl-iktar mod sempliċi possibbli biex nagħtuk is-setgħa li tieħu deċiżjonijiet infurmati meta tuża X billi niżguraw li tifhem u jkollok kontroll fuq l-informazzjoni li niġbru, kif tintuża, u meta tiġi kondiviża 

Mela jekk ma tridx taqra kull kelma tal-Politika tal-Privatezza, għallinqas kun af dan:

 

X hija pjattaforma pubblika

Aħna niġbru xi data
dwarek

Is-servizzi tal-affiljati jista' jkollhom il-politiki tagħhom stess

Aħna nużaw id-data tiegħek biex intejbu lil X

Tista' tikkontrolla l-esperjenza tiegħek

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar kif nużaw id-data, aqbad u staqsi

 

1. L-informazzjoni Li Niġbru

L-informazzjoni li niġbru meta tuża X tinqasam fi tliet kategoriji.

1.1 L-informazzjoni li tagħtina inti.

Biex tuża xi wħud mill-prodotti u s-servizzi tagħna jeħtieġ li jkollok kont, u biex toħloq kont, trid tagħtina ċerta informazzjoni. Bl-istess mod, jekk tuża l-prodotti u s-servizzi tagħna li tħallas għalihom, ma nistgħux nagħtuhomlok mingħajr ma jkollna l-informazzjoni dwar il-pagament. Bażikament, ċerta informazzjoni hija meħtieġa jekk trid tuża ħafna mill-prodotti u s-servizzi tagħna.

  • Kontijiet Personali. Jekk toħloq kont, trid tagħtina xi informazzjoni biex inkunu nistgħu nagħtuk is-servizzi tagħna. Din tinkludi l-isem li jidher (per eżempju, "Creators"); il-username (per eżempju, @XCreators); il-password; l-indirizz elettroniku jew in-numru tal-mowbajl; id-data tat-twelid; il-lingwa tal-wiri tiegħek; u l-informazzjoni ta' dħul uniku ta' parti terza (jekk tagħżel dan il-metodu ta' dħul). Tista' wkoll tagħżel li taqsam il-lokalità tiegħek fil-profil u l-posts tiegħek, u ttella' l-ktieb tal-indirizzi tiegħek f'X biex tkun tista' ssib nies li tafhom. L-informazzjoni tal-profil tiegħek, li tinkludi l-isem li jidher u l-username tiegħek, hija dejjem pubblika, imma inti tista' tuża ismek veru jew psewdonimu. U tinsiex, inti tista' toħloq kontijiet differenti fuq X, pereżempju, biex tesprimi partijiet differenti tal-identità, professjonali jew mod ieħor, tiegħek. 

  • Kontijiet Professjonali. Jekk toħloq kont professjonali, jeħtieġ ukoll li tagħtina l-kategorija professjonali, u tista' tagħtina informazzjoni oħra, li tinkludi l-indirizz tat-triq, l-indirizz tal-email ta' kuntatt, u n-numru tat-telefown ta' kuntatt, li kollha se jkunu dejjem pubbliċi. 

  • Informazzjoni dwar il-Pagamenti. Biex tixtri reklami jew offerti oħra mogħtija bħala parti mill-prodotti u s-servizzi tagħna li tħallas għalihom, jeħtieġ li tagħtina l-informazzjoni dwar il-pagament, li tinkludi n-numru tal-karta ta' kreditu jew ta' debitu tiegħek, id-data tal-iskadenza tal-karta, il-kodiċi CVV, u l-indirizz tal-fatturazzjoni.

  • Il-Preferenzi. Meta tissettja l-preferenzi tiegħek billi tuża s- settings tiegħek, aħna niġbru dik l-informazzjoni sabiex inkunu nistgħu nirrispettaw il-preferenzi tiegħek.

  • Informazzjoni Bijometrika. Fuq il-bażi tal-kunsens tiegħek, aħna nistgħu niġbru u nużaw l-informazzjoni bijometrika tiegħek għal skopijiet ta’ sikurezza, sigurtà u identifikazzjoni.

  • Applikazzjonijiet/Rakkomandazzjonijiet għall-Impjiegi. Nistgħu niġbru u nużaw l-informazzjoni personali tiegħek (bħall-istorja tal-impjieg tiegħek, l-istorja edukattiva, il-preferenzi tal-impjieg, il-ħiliet u l-abbiltajiet, l-attività tat-tiftix u l-impenn għax-xogħol, eċċ.) biex nirrakkomandawlek impjiegi potenzjali, biex naqsmuha ma’ min iħaddem meta tapplika għal impjieg potenzjali, biex min iħaddem ikun jista' jsib kandidati potenzjali, u biex nuruk reklamar iktar rilevanti.

1.2 Informazzjoni li niġbru meta tuża X.

Meta tuża s-servizzi tagħna, aħna niġbru informazzjoni dwar kif tuża l-prodotti u s-servizzi tagħna. Aħna nużaw dik l-informazzjoni biex nagħuk prodotti u servizzi, biex tgħinna nżommu lil X iktar sigur u jirrispetta lil kulħadd, u jkun iktar rilevanti għalik.

1.3 Informazzjoni li nirċievu mingħand partijiet terzi.

Meta tuża prodotti u servizzi online oħra, huma jistgħu jaqsmu magħna l-informazzjoni dwar dak l-użu.

Imsieħba tar-Reklami, Żviluppaturi, Pubblikaturi.
 L-imsieħba tar-reklami u tan-negozju tagħna jaqsmu informazzjoni magħna bħal l-IDs tal-cookies tal-brawżers, l-identifikaturi ġġenerati minn X, l-IDs tal-apparat mobbli, l-informazzjoni dwar l-utenti bil-hash bħall-indirizzi elettroniċi, data demografika jew dwar l-interessi, u l-kontenut ivviżwalizzat jew l-azzjonijiet imwettqa f'websajt jew app. Uħud mill-imsieħba tar-reklami tagħna, b’ mod partikolari dawk li jirreklamaw magħna, jippermettulna wkoll li niġbru informazzjoni simili direttament mill-websajt jew l-app tagħhom billi jintegraw it-teknoloġija tar-reklamar tagħna. L-informazzjoni maqsuma mill-imsieħba tar-reklami u l-affiljati jew miġbura minn X mill-websajts u l-apps tal-imsieħba tar-reklami u l-affiljati tista' tiġi kkombinata ma' informazzjoni oħra li taqsam ma' X u li X tirċievi, tiġġenera, jew tiddeduċi dwarek kif deskritt x'imkien ieħor f'din il-Politika tal-Privatezza.

Partijiet Terzi, Konnessjonijiet tal-Kontijiet, u Integrazzjonijiet Oħra. Nistgħu nirċievu informazzjoni dwarek mingħand partijiet terzi li mhumiex imsieħba tar-reklami tagħna, bħal utenti, żviluppaturi, u msieħba oħra ta' X li jgħinuna nivvalutaw is-sikurezza u l-kwalità tal-kontenut fil-pjattaforma tagħna, l-affiljati korporattivi tagħna, u servizzi oħra li inti torbot mal-kont ta' X tiegħek. Tista' tagħżel li torbot il-kont ta' X tiegħek mal-kont tiegħek f'servizz ieħor, u dak is-servizz l-ieħor jista' jibagħtilna informazzjoni dwar il-kont tiegħek f'dak is-servizz.

 

2. Kif Nużaw l-Informazzjoni

Mhuwiex sempliċi li nispjegaw fid-dettall kif nużaw l-informazzjoni li niġbru minħabba l-mod kif jaħdmu s-sistemi li jwasslulek is-servizzi tagħna. Pereżempju, l-istess biċċa informazzjoni tista' tintuża b'mod differenti għal skopijiet differenti biex fl-aħħar mill-aħħar jingħata servizz wieħed. Aħna naħsbu li huwa iktar utli li niddeskrivu l-ħames modi ewlenin kif nużaw l-informazzjoni u jekk ikollok xi mistoqsijiet li mhumiex imwieġba, inti dejjem tista' tikkuntattjana. Ejja nibdew:

2.1 Inħaddmu, intejbu, u nippersonalizzaw is-servizzi tagħna.

Aħna nużaw l-informazzjoni li niġbru biex nagħtu u nħaddmu l-prodotti u s-servizzi ta' X. Aħna nużaw ukoll l-informazzjoni li niġbru biex intejbu u nippersonalizzaw il-prodotti u s-servizzi tagħna sabiex ikollok esperjenza aħjar fuq X, inkluż billi nuruk kontenut u reklami iktar rilevanti, nissuġġerixxu lin-nies u s-suġġetti biex isegwu, jippermettu u jgħinuk tiskopri affiljati, apps u servizzi ta' partijiet terzi. Nistgħu nużaw l-informazzjoni li niġbru u l-informazzjoni disponibbli pubblikament biex jgħinuna fit-taħriġ tal-mudelli tat-tagħlim tal-magni jew tal-intelliġenza artifiċjali tagħna għall-iskopijiet deskritti f'din il-politika.

Nistgħu nużaw l-informazzjoni li niġbru minn kontijiet ta' servizzi oħra li tagħżel li torbot mal-kont ta' X tiegħek biex nagħtuk karatteristiċi bħall-awtentikazzjoni ta' cross-posting jew cross-service, u biex inħaddmu s-servizzi tagħna.

Aħna nużaw l-informazzjoni ta' kuntatt tiegħek biex ngħinu lil ħaddieħor isib il-kont tiegħek jekk is-settings tiegħek jippermetti, inkluż permezz ta' servizzi ta' partijiet terzi u applikazzjonijiet klijenti.

Aħna nużaw l-informazzjoni tiegħek biex nagħtuk ir-reklamar tagħna u s-servizzi tal-kontenut sponsorjat skont is-settings tiegħek, li jgħin biex ir-reklami fuq X isiru iktar rilevanti għalik. Aħna nużaw din l-informazzjoni wkoll biex inkejlu l-effikaċja tar-reklami u biex inkunu nistgħu nagħrfu l-apparati tiegħek biex noffrulek reklami fuq jew lil hinn minn X. Uħud mill-imsieħba tar-reklami tagħna jippermettulna wkoll niġbru informazzjoni simili direttament mill-websajt jew l-app tagħhom billi jintegraw it-teknoloġija tar-reklamar tagħna. L-informazzjoni maqsuma mill-imsieħba tar-reklami u l-affiljati jew miġbura minn X mill-websajts u l-apps tal-imsieħba tar-reklami u l-affiljati tista' tiġi kkombinata ma' informazzjoni oħra li taqsam ma' X u li X tirċievi, tiġġenera, jew tiddeduċi dwarek kif deskritt x'imkien ieħor f'din il-Politika tal-Privatezza tagħna.

2.2  Inrawmu s-sikurezza u s-sigurtà.

Aħna nużaw l-informazzjoni li niġbru biex naħsbu għas-sikurezza u s-sigurtà tal-utenti tagħna, il-prodotti tagħna, is-servizzi tagħna, u l-kont tiegħek. Dan jinkludi l-verifika tal-identità tiegħek, l-awtentikazzjoni tal-kont tiegħek, u protezzjoni kontra l-frodi, l-użu mhux awtorizzat, u l-attività illegali. Aħna nużaw l-informazzjoni wkoll biex nevalwaw u nimplimentaw is-sikurezza u l-kwalità tal-kontenut fuq X - dan jinkludi l-investigazzjoni u l-infurzar tal-politiki u t-termini tagħna, kif ukoll tal-liġi applikabbli.

2.3 Inkejlu, nanalizzaw u ntejbu s-servizzi tagħna.

Aħna nużaw l-informazzjoni li niġbru biex inkejlu u nanalizzaw l-effikaċja tal-prodotti u s-servizzi tagħna u biex nifhmu aħjar kif tużahom inti sabiex nagħmluhom aħjar.

2.4 Nikkomunikaw miegħek dwar is-servizzi tagħna.

Aħna nużaw l-informazzjoni li niġbru biex nikkomunikaw miegħek dwar il-prodotti u s-servizzi tagħna, inkluż dwar l-aġġornamenti tal-prodotti u l-bidliet fil-politiki u t-termini tagħna. Jekk inti trid tisma' mingħandna, aħna nistgħu, minn żmien għal żmien, nibagħtulek wkoll messaġġi ta' kummerċjalizzazzjoni.

2.5 Riċerka.

Aħna nużaw l-informazzjoni li taqsam magħna, jew li niġbru biex inwettqu riċerka, stħarriġ, ittestjar tal-prodotti, u s-soluzzjoni tal-problemi biex inkunu nistgħu nħaddmu u ntejbu l-prodotti u s-servizzi tagħna.

 

3. Kif Naqsmu l-Informazzjoni

Għandek tkun taf il-modi kif naqsmu l-informazzjoni tiegħek, għaliex naqsmuha, u kif tista' tikkontrolla dan. Hemm ħames modi ġenerali kif naqsmu l-informazzjoni tiegħek.

3.1 Meta tippostja u taqsam.

Mal-pubbliku ġenerali. Qed tordnana niżvelaw dik l-informazzjoni bl-iktar mod wiesa' possibbli. Il-kontenut ta' X, inkluża l-informazzjoni tal-profil tiegħek (eż., l-isem/il-psewdonimu, il-username, ir-ritratti tal-profil), huwa disponibbli biex jarah il-pubbliku ġenerali. Il-pubbliku m'għandux għalfejn ikun illoggjat biex jara xi kontenut fuq X. Jista' jsib wkoll il-kontenut ta' X minn X, pereżempju mir-riżultati tat-tiftix fuq il-magni tat-tiftix fuq l-Internet.

Ma' utenti oħra ta' X. Skont is-settings tiegħek, u skont il-prodotti u s-servizzi ta' X li inti tuża, aħna naqsmu:

  • L-interazzjonijiet tiegħek mal-kontenut fuq X ta' utenti oħra, bħal-likes, u n-nies li ssegwi.
  • Il-kontenut li tibgħat lil utent speċifiku ta' X, pereżempju permezz ta' Messaġġi Diretti. Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li jekk qsamt informazzjoni bħal Messaġġi Diretti jew posts protetti ma' xi ħadd ieħor li jaċċessa lil X permezz ta' servizz ta' parti terza, l-informazzjoni tista' tiġi maqsuma mas-servizz tal-parti terza.

Mal-imsieħba. Skont s-settings tiegħek, nagħtu wkoll informazzjoni lil ċerti partijiet terzi biex noffru jew inħaddmu l-prodotti u s-servizzi tagħna. Tista' ssir taf iktar dwar dawn is-sħubijiet fiċ-Ċentru tal-Għajnuna tagħna. Inti tista' tikkontrolla jekk X taqsamx l-informazzjoni personali tiegħek ma' dawn l-imsieħba billi tuża l-għażla “Il-qsim tad-data mal-imsieħba tan-negozju” fis-settings tal-Privatezza u Sikurezza tiegħek. (Din l-għażla ma tikkontrollax il-qsim deskritt x'imkien ieħor f'din il-Politika tal-Privatezza, bħal meta naqsmu l-informazzjoni mal-fornituri tas-servizzi tagħna, jew permezz ta' sħubijiet għajr dawk deskritti f’dan l-artiklu taċ-Ċentru tal-Għajnuna.)

3.2 Ma' partijiet terzi u integrazzjonijiet ta' partijiet terzi.

Mal-fornituri tas-servizz. Nistgħu naqsmu l-informazzjoni tiegħek mal-fornituri tas-servizz tagħna li jwettqu l-funzjonijiet u jagħtu s-servizzi f'isimna, inklużi l-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti li jiffaċilitaw il-pagamenti; il-fornituri tas-servizz li jospitaw il-blogs u l-wikis differenti tagħna; il-fornituri tas-servizzi li jgħinuna biex nifhmu kif qed jintużaw is-servizzi tagħna; il-fornituri tas-sistema tat-traċċar tal-applikanti biex nibagħtu u nirċievu d-data tal-applikanti u tal-impjiegi lil min potenzjalment jista' jagħtihom ix-xogħol; u dawk li jagħtu s-servizzi ta’ kxif ta' frodi. 

Ma’ min jirreklama. Id-dħul mir-reklamar jagħtina l-kapaċità li nagħtu l-prodotti u s-servizzi tagħna. Dawk li jirreklamaw jistgħu jsiru jafu informazzjoni mill-interazzjoni tiegħek mar-reklami tagħhom fuq jew lil hinn minn X. Pereżempju, jekk tikklikkja fuq link jew reklam estern fis-servizzi tagħna, dak li jirreklama jew l-operatur tal-websajt jista’ jinduna li ġejt minn X, flimkien ma’ informazzjoni oħra assoċjata mar-reklam li għafast, bħall-karatteristiċi tal-udjenza li kien intenzjonat li jilħaq u identifikaturi oħra ġġenerati minn X għal dak ir-reklam. Jistgħu wkoll jiġbru informazzjoni personali oħra mingħandek, bħall-identifikaturi tal-cookies, jew l-indirizz tal-IP tiegħek.

Il-kontenut ta' partijiet terzi u integrazzjonijiet. Aħna naqsmu jew niżvelaw l-informazzjoni tiegħek bil-kunsens tiegħek jew skont l-ordnijiet tiegħek, bħal meta inti tawtorizza klijent jew applikazzjoni tal-internet ta’ parti terza biex taċċessa l-kont tiegħek jew meta tordnana naqsmu l-feedback tiegħek ma’ negozju. Bl-istess mod, biex intejbu l-esperjenza tiegħek, aħna naħdmu ma’ imsieħba terzi biex nuru l-kontenut tal-vidjows tagħhom fuq X jew biex nippermettu l-qsim bejn il-pjattaformi. Meta tara jew b'xi mod ieħor tinteraġixxi mal-kontenut mill-imsieħba tagħna tal-qsim ta' vidjows jew bejn il-pjattaformi, huma jistgħu jirċievu u jipproċessaw l-informazzjoni personali tiegħek kif deskritt fil-politiki tal-privatezza tagħhom. Rigward il-kontenut tal-vidjows, inti tista' taġġusta s-settings tal-awtoplay tiegħek jekk tippreferi li dak il-kontenut ma jibdiex awtomatikament.

Permezz tal-APIs tagħna. Aħna nużaw teknoloġija bħal APIs u l-embeds biex l-informazzjoni pubblika ta' X issir disponibbli għal websajts, l-apps, u oħrajn biex jużawhom, pereżempju, għall-wiri tal-posts f'websajts tal-aħbarijiet jew l-analiżi ta’ dak li jgħidu n-nies dwar X. Ġeneralment aħna nagħmlu dan il-kontenut disponibbli fi kwantitajiet limitati bla ħlas u niċċarġjaw tariffi tal-liċenzjar għal aċċess fuq skala kbira. Għandna termini standard li jirregolaw kif din l-informazzjoni tista’ tintuża, u programm ta’ konformità biex jinforza dawn it-termini. Imma dawn l-individwi u l-kumpaniji mhumiex affiljati ma' X, u l-offerti tagħhom jistgħu ma jirriflettux l-aġġornamenti li tagħmel fuq X. Għal iktar informazzjoni dwar kif id-data pubblika fuq X nagħmluha disponibbli għad-dinja, żur https://developer.x.com.

3.3 Meta jkun rekwiżit mil-liġi, biex nevitaw ħsara, jew fl-interess pubbliku.

Aħna nistgħu nippreservaw, nużaw, naqsmu, jew niżvelaw l-informazzjoni tiegħek jekk nemmnu li huwa raġonevolment meħtieġ li:

  • nkunu konformi ma’ liġi, regolament, proċess legali, jew talba minn gvern;

  • nipproteġu s-sikurezza ta' kwalunkwe persuna, nipproteġu s-sikurezza jew l-integrità tal-pjattaforma tagħna, inkluż biex inkunu nistgħu nipprevjenu l-ispam, l-abbuż, jew atturi malizzjużi fis-servizzi tagħna;

  • nispjegaw għaliex neħħejna xi kontenut jew kontijiet mis-servizzi tagħna (eż., minħabba ksur tar-Regoli Tagħna);

  • nindirizzaw kwistjonijiet ta' frodi, ta' sigurtà jew tekniċi; jew

  • nipproteġu d-drittijiet jew il-proprjetà tagħna, jew id-drittijiet jew il-proprjetà ta' dawk li jużaw is-servizzi tagħna.

3.4 Mal-Affiljati tagħna.

Nistgħu naqsmu informazzjoni fost l-affiljati tagħna biex nagħtu l-prodotti u s-servizzi tagħna.

3.5 Minħabba bidla fis-sjieda.

Nistgħu naqsmu, inbiegħu jew nittrasferixxu l-informazzjoni dwarek b'konnessjoni ma' għaqda, akkwist, riorganizzazzjoni, bejgħ ta' assi, jew falliment. Din il-Politika tal-Privatezza se tapplika għall-informazzjoni personali tiegħek li tiġi maqsuma ma' (qabel u wara l-għeluq ta' kwalunkwe tranżazzjoni) jew ittrasferita lill-entità l-ġdida.

 

4. Għal Kemm Żmien Inżommu l-Informazzjoni

Inżommu tipi differenti ta’ informazzjoni għal perjodi ta’ żmien differenti: 

  • Aħna nżommu l-informazzjoni u l-kontenut tal-profil tiegħek sakemm idum attiv il-kont tiegħek.

  • Ġeneralment inżommu data oħra ta' identifikazzjoni personali li niġbru meta tuża l-prodotti u s-servizzi tagħna għal massimu ta’ 18-il xahar.

  • Ftakar li l-kontenut pubbliku jista' jeżisti x'imkien ieħor anki wara li tneħħih minn fuq X. Pereżempju, il-magni tat-tiftix u partijiet terzi oħra jistgħu jżommu kopji tal-posts tiegħek għal żmien itwal, skont il-politiki tal-privatezza tagħhom stess, anke wara li jitħassru jew jiskadu fuq X. Tista' taqra iktar dwar il-viżibilità tat-tiftix hawnhekk.

  • Meta tikser ir-Regoli tagħna u l-kont tiegħek jiġi sospiż, nistgħu nżommu l-identifikaturi li użajt biex toħloq il-kont (jiġifieri, l-indirizz elettroniku jew numru tal-mowbajl) b'mod indefinit biex nipprevjenu li t-trasgressuri ripetuti milli joħolqu kontijiet ġodda.

  • Nistgħu nżommu ċerta informazzjoni għal iktar żmien milli jispeċifikaw il-politiki tagħna biex inkunu konformi mar-rekwiżiti legali u għal raġunijiet ta' sikurezza u sigurtà.

 

5. Ħu l-Kontroll f'Idejk

5.1 Aċċess, Korrezzjoni, Portabbiltà.

Inti tista' taċċessa, tikkoreġi jew timmodifika l-informazzjoni li bgħattilna billi teditja l-profil tiegħek u taġġusta s-settings tal-kont tiegħek.

  • Tista' ssir taf iktar dwar l-informazzjoni li ġbarna jew iddeduċejna dwarek fid-Data Tiegħek ta' X u titlob l-aċċess għal informazzjoni addizzjonali hawnhekk.

  • Tista' tniżżel kopja tal-informazzjoni tiegħek, bħall-posts tiegħek, billi ssegwi l-istruzzjonijiet hawnhekk.

Biex nipproteġu l-privatezza tiegħek u nżommu s-sigurtà, aħna naġixxu biex nivverifikaw l-identità tiegħek qabel ma nagħtuk l-aċċess għall-informazzjoni personali tiegħek jew nikkonformaw ma' xi tħassir, portabbiltà, jew xi talba oħra rrelatata. Nistgħu, f'ċerti sitwazzjonijiet, niċħdu t-talba tiegħek għall-aċċess, il-korrezzjoni, jew il-portabbiltà, pereżempju, nistgħu nirrifjutaw l-aċċess fejn inti ma tkunx kapaċi tivverifika l-identità tiegħek.

5.2 Kif Tħassar l-Informazzjoni tiegħek.

Jekk issegwi l-istruzzjonijiet hawnhekk, il-kont tiegħek jiġi ddiżattivat u d-data tiegħek tidħol fil-kju għat-tħassir. Meta jiġi ddiżattivat, il-kont tiegħek ta' X, inkluż l-isem tal-wiri, l-isem tal-utent, u l-profil pubbliku tiegħek, ma jibqgħux viżibbli fuq X.com, X għal iOS, u X għal Android. Sa 30 jum wara d-diżattivazzjoni xorta jkun possibbli li tirrestawra l-kont tiegħek ta' X jekk ikun ġie ddiżattivat aċċidentalment jew bi żball.

5.3 Kif Toġġezzjona għal, Tirrestrinġi, jew Tirtira l-Kunsens tiegħek.

Tista' tieħu ħsieb is-settings tal-privatezza u karatteristiċi oħra tal-kont tiegħek hawnhekk. Jekk tibdel is-settings tiegħek jista' jgħaddi ftit taż-żmien biex l-għażliet tiegħek jiġu jidhru b'mod sħiħ fis-sistemi tagħna. Tista' tinnota wkoll xi bidliet fl-esperjenza ta' X tiegħek jew xi limitazzjonijiet fil-kapaċità tiegħek li taċċessa ċerti karatteristiċi skont is-settings li tkun aġġustajt. Tista' wkoll tieħu ħsieb settings oħra meta tinteraġixxi ma' xi kontenut u karatteristiċi f'partijiet differenti tal-pjattaforma, bħal jekk Space jiġix irrekordjat, jew jekk il-vidjows li ttella' jistgħux jitniżżlu minn oħrajn.

X taderixxi mal-Prinċipji Awtoregolatorji tal-Alleanza tar-Reklamar Diġitali għar-Reklamar tal-Imġiba Online (imsejjaħ ukoll “reklamar ibbażat fuq l-interessi”) u tirrispetta l-għodda tal-għażla tal-konsumatur tad-DAA biex inti tagħlaq ir-reklamar ibbażat fuq l-interessi f'https://optout.aboutads.info/.

5.4 Talbiet ta' Aġent Awtorizzat.

Biex tibgħat talba rrelatata mal-aċċess, il-modifika jew it-tħassir tal-informazzjoni tiegħek, jew informazzjoni ta’ xi ħadd ieħor jekk inti l-aġent awtorizzat tagħhom, inti tista’ wkoll tikkuntattjana kif indikat fit-taqsima Kif Tikkuntattja lil X tal-Politika tal-Privatezza tagħna hawn taħt. Nistgħu nitolbuk tibgħat informazzjoni addizzjonali għall-verifika.

 

6. Id-Drittijiet Tiegħek u Tagħna

Aħna nagħtu X lin-nies madwar id-dinja kollha u nagħtu ħafna mill-istess għodod tal-privatezza u kontrolli lill-utenti kollha tagħna irrispettivament minn fejn jgħixu. Madankollu, l-esperjenza tiegħek tista' tkun kemxejn differenti minn ta' utenti f'pajjiżi oħra biex niżguraw li X tirrispetta r-rekwiżiti lokali.

6.1 Għandna bażijiet legali speċifiċi biex nużaw l-informazzjoni tiegħek.

X qieset bir-reqqa r-raġunijiet legali li jippermettulha li tiġbor, tuża, taqsam u tipproċessa bi kwalunkwe mod ieħor l-informazzjoni tiegħek. Jekk trid tidħol iktar fil-fond biex issir taf iktar u tifhem aħjar l-isfumaturi, aħna nħeġġuk tiċċekkja din l-informazzjoni addizzjonali dwar l-ipproċessar tad-data. U le, aħna ma nbigħux l-informazzjoni personali tiegħek. 

6.2 Aħna nċaqalqu d-data tiegħek biex X tiffunzjona kif tixtieq int.

Hekk kif inti tuża lil X biex tipparteċipa bla xkiel f'konversazzjonijiet globali ma' nies f'pajjiżi madwar id-dinja kollha, X trid iċċaqlaq l-informazzjoni bejn iż-żewġ naħat tal-fruntieri u lejn pajjiżi differenti madwar id-dinja biex tappoġġja s-servizz sikur u affidabbli li tistenna inti. Pereżempju, jekk tgħix fl-Ewropa u qed titkellem ma' xi ħadd fl-Istati Uniti, l-informazzjoni trid tiċċaqlaq bejn dawk il-pajjiżi biex tagħti dik l-esperjenza – dak tistenna inti mingħandna.

Aħna nużaw ukoll iċ-ċentri tad-data u l-fornituri tal-cloud, u ninvolvu l-affiljati tagħna u l-imsieħba ta' partijiet terzi u l-fornituri tas-servizz li jinsabu f'ħafna partijiet tad-dinja biex inkunu nistgħu nagħtu s-servizzi tagħna. Qabel ma nċaqalqu d-data bejn il-pajjiżi aħna nqisu r-riskji li jistgħu jaffettwaw id-data u niddependu fuq klawżoli kuntrattwali standard (SCCs), fejn ikun applikabbli, biex niżguraw li d-drittijiet tad-data tiegħek jiġu protetti. Biex titlob kopja tal-SCCs, jekk jogħġbok ikkuntattjana hawn. Jekk id-data tiġi maqsuma ma’ parti terza, aħna nirrikjedu li huma jużaw l-istess protezzjonijiet rigward id-data tiegħek li aħna nutilizzaw direttament.

X hija parteċipant fil-Qafas tal-Protezzjoni tad-Data (DPF) bejn l-UE u l-Istati Uniti, id-DPF bejn l-Iżvizzera u l-Istati Uniti u l-estensjoni tar-Renju Unit għad-DPF bejn l-UE u l-Istati Uniti. X hija konformi mal-prinċipji tad-DPF għall-ipproċessar kollu tagħha tad-data personali li tirċievi mill-Unjoni Ewropea, mill-Iżvizzera u mir-Renju Unit, billi sserraħ fuq id-DPF bejn l-UE u l-Istati Uniti, id-DPF bejn l-Iżvizzera u l-Istati Uniti u l-estensjoni tar-Renju Unit għad-DPF bejn l-UE u l-Istati Uniti, rispettivament. Jekk għandek xi mistoqsija jew ilment irrelatat mal-parteċipazzjoni tagħna fid-DPF, jekk jogħġbok ikkuntattjana hawn. Bħala parti mill-parteċipazzjoni tagħna fid-DPF, jekk ikollok tilwima magħna dwar l-aderenza tagħna mal-prinċipji tad-DPF, aħna se nfittxu li nsolvuha permezz tal-proċess intern tagħna għar-riżoluzzjoni tal-ilmenti, jew permezz tal-korp indipendenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim JAMS ibbażat fl-Istati Uniti, u f'ċerti kundizzjonijiet, permezz tal-Proċess tal-Arbitraġġ tad-DPF li jsegwi l-proċeduri u huwa suġġett għall-kundizzjonijiet deskritti fl-Anness 1 tal-Prinċipji tad-DPF. Il-parteċipanti tad-DPF huma suġġetti għas-setgħat investigattivi u ta' infurzar tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti u korpi statutorji awtorizzati oħra. F'ċerti ċirkostanzi, il-parteċipanti jistgħu jkunu responsabbli għat-trasferiment tad-data personali mill-UE, mill-Iżvizzera u mir-Renju Unit lil partijiet terzi barra mill-UE, l-Iżvizzera u r-Renju Unit. Sir af iktar dwar id-DPF bejn l-UE u l-Istati Uniti, id-DPF bejn l-Iżvizzera u l-Istati Uniti u l-estensjoni tar-Renju Unit għad-DPF bejn l-UE u l-Istati Uniti hawn.

 

7. L-Udjenza ta' X

Is-servizzi tagħna mhumiex diretti lejn it-tfal, u ma tistax tuża s-servizzi tagħna jekk għandek inqas minn 13-il sena. Trid tkun ukoll kbir biżżejjed biex tagħti l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek f’pajjiżek (f’xi pajjiżi nistgħu nippermettu lill-ġenitur jew il-kustodju tiegħek biex jagħmel dan f’ismek).

 

8. Bidliet f'din il-Politika tal-Privatezza

L-iktar verżjoni attwali ta’ din il-Politika tal-Privatezza tirregola l-ipproċessar tagħna tad-data personali tiegħek u aħna nistgħu nirrevedu din il-Politika tal-Privatezza minn żmien għal żmien skont il-ħtieġa.

Jekk nirrevedu din il-Politika tal-Privatezza u nagħmlu xi bidliet li jkunu meqjusa minna bħala materjali, aħna ninnotifikawk u nagħtuk l-opportunità li tirrevedi l-Politika tal-Privatezza rriveduta qabel ma tkompli tuża lil X.

 

9. Ġenerali

Il-Politika tal-Privatezza ta' X hija miktuba bl-Ingliż imma hija disponibbli f'diversi lingwi permezz tat-traduzzjonijiet. X tistinka biex it-traduzzjonijiet ikunu kemm jista' jkun preċiżi fir-rigward tal-verżjoni oriġinali bl-Ingliż. Madankollu, f'każ ta' xi diskrepanzi jew inkonsistenzi, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża tal-Politika tal-Privatezza ta' X għandha tieħu preċedenza. Inti tirrikonoxxi li l-Ingliż għandu jkun il-lingwa ta' referenza għall-interpretazzjoni u l-kostruzzjoni tat-termini tal-Politika tal-Privatezza ta' X. 

 

10. Kif Tikkuntattja lil X

Irridu nisimgħu mingħandek jekk għandek ħsibijiet jew mistoqsijiet dwar din il-Politika tal-Privatezza. Tista' tikkuntattjana permezz tal-paġna Mistoqsijiet dwar il-Politika tal-Privatezza tagħna jew billi tiktbilna fl-indirizz pertinenti t'hawn taħt. L-informazzjoni dwar kif nieħdu ħsieb it-talbiet tal-Att dwar il-Privatezza tal-Konsumatur ta' Kalifornja (CCPA) hija disponibbli hawn.

Jekk tgħix fl-Istati Uniti jew f'xi pajjiż ieħor barra l-Unjoni Ewropea, l-Istati tal-EFTA, jew ir-Renju Unit, il-kontrollur tad-data responsabbli għad-data personali tiegħek huwa X Corp., bl-indirizz:

X Corp.
Attn: Privacy Policy Inquiry
1355 Market Street, Suite 900
San Francisco, CA 94103

Jekk tgħix fl-Unjoni Ewropea, fl-Istati tal-EFTA, jew fir-Renju Unit, il-kontrollur tad-data huwa Twitter International Unlimited Company, bl-indirizz:

Twitter International Unlimited Company
Attn: Data Protection Officer
One Cumberland Place, Fenian Street
Dublin 2, D02 AX07 IRELAND


Tista' tikkuntattja b'mod kunfidenzjali lill-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data ta' X permezz ta' Formola tal-Inkjesti dwar il-Protezzjoni tad-Datatagħna. Jekk tixtieq tiddikjara tħassib dwar il-prattiki tal-ipproċessar tad-datatagħna, inti għandek id-dritt li tagħmel dan mal-awtorità superviżorja lokali tiegħek jew mal-awtorità superviżorja ewlenija ta' Twitter International Unlimited Company, il-Kummissjoni Irlandiża għall-Protezzjoni tad-Data, billi tuża d-dettalji tal-kuntatt indikati fil-websajt tagħhom.

true

Ħu l-kontroll tal-privatezza tiegħek